L-IRVELLIJIET TAT-28 T’APRIL 1958 WASLU GĦALL-KISBIET POLITIĊI

ONE.COM.MT • Bħal-lum tlieta u sittin sena, sar l-istrajk ġenerali tat-tmienja u għoxrin t’April, li ġie ordnat mill-General Workers’ Union. Dakinhar, numru ta’ ħaddiema qamu kontra l-ħakkiem, biex jiġġieled għad-drittijiet tiegħu fi żmien meta pajjiżna kien qed jaħseb li jieħu rajh f’idejh. B’rabta ma’ din il-ġrajja storika, ftit tal-ħin ieħor, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jieħu sehem f’sezzjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet flimkien ma’ numru ta’ żgħażagħ, f’attività virtwali organizzata mill-Forum Żgħażagħ Laburisti. Aktar dettalji minn din il-ġrajja storika fis-servizz li jmiss. KITBA: EMAN PORTELLI FILMAT: ARKIVJI Tmienja u għoxrin t’April elf disa’ mija tmienja u ħamsin, ġurnata sewda fl-istorja ta’ pajjiżna, ġurnata li fissret l-għadab tal-ħaddiem li kien taħt il-madmad tal-barrani. Għal dakinhar, il-General Workers’ Union kienet iddikjarat strajk t’emerġenza wara s-sensji mill-Gvern Ingliż. L-irvellijiet ta’ tlieta u sittin sena ilu wasslu biex il-ħakkiem Ingliż iddikjara stat t’emerġenza. Kien lura f’Diċembru tal-elf disa’ mija sebgħa u ħamsin, meta fil-Parlament għaddiet l-Break with Britain Resolution, li fissret li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff ried l-indipendenza. Dan wara li fallew it-taħdidiet dwar il-politika tal-integration, li mbotta ’l quddiem Mintoff. Bl-integration, Mintoff ried li l-livell tal-għajxien tal-Maltin ikun l-istess bħal ma kellu l-ħakkiem f’daru. F’April tal-elf disa’ mija tmienja u ħamsin, Mintoff irriżenja minn Prim Ministru. DOM MINTOFF EKS PRIM MINISTRU TA’ MALTA “Quddiem Alla, għandna raġun. Issa sta għalina li dan ir-raġun neħduh ukoll mingħand in-nies ta’ din id-dinja. Jekk inkunu ġwejjeħ aħna, jistħuna uliedna u ulied uliedna. Illum waslet is-siegħa meta kull Malti jrid bil-fatti juri li Malta għalina tiġi l-ewwel u qabel kollox.” Bħal-lum tlieta u sittin sena, il-ħaddiema ħarġu jipprotestaw u qam l-inkwiet, bil-pulizija mmexxija mill-Ingliżi ħarġu jikkontrollaw lil dawk li ħarġu jipprotestaw. Hawnhekk kien qam xi nkwiet ġewwa Raħal Ġdid u fil-Marsa, bl-agħar episodju ġara fit-telgħa ta’ Kordin. Ġew arrestati in-nies, fosthom Agatha Barbara. AGATHA BARBARA EKS MINISTRU LABURISTA “Tellgħuna darbtejn, tliet darbiet il-Qorti fejn ġejt akkużata l-Qorti u ġejt akkużata li jien heddiet lil xi ħaddiema. Mhux talli m’hedditx lill-ħaddiema, meta Ħaż-Żabbar quddiem l-għassa tal-pulizija, kien hemm xi vann b’xi ħaddiema u n-nies kienu rrabjati u bdew iċaqqalquha, jiena nżilt mill-karozza u warrabt lin-nies u għedtilhom biex iħalluhom imorru għax-xogħol bil-kwiet.” Din il-ġrajja waslet biex il-Gvernatur Robert Laycock issospenda l-Kostituzzjoni. Dan fisser li l-Maltin ma kellhom l-ebda dritt fit-tmexxija tal-pajjiż u Malta spiċċat titmexxa bħalma kienet immexxija fil-bidu tas-seklu dsatax, seklu u nofs qabel. L-irvellijiet tat-tmienja u għoxrin t’April tal-elf disa’ mija tmienja u ħamsin kienu pass ieħor lejn kisbiet politiċi importanti għall-pajjiżna li ġraw sa żewġ deċenji wara, jiġifieri l-Indipendenza, ir-Repubblika u l-Ħelsien.