It-Triq tas-Salib b'riflessjonijiet fuq kull stazzjoni (Via Sagra)

Għat-test sħiħ u għas-Sors, mur: https://l-ewkaristijaus-sacerdozju.ho... L-Ewwel Stazzjon: Meta Sidna Ġesù kien ikkundannat għall-mewt bla ħtija Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna. Għażiż Ġesu’, innoċenti u bla ebda tebgħa! Il-ħbieb li kellek, ħallewk taffaċċja waħdek il-qrati tal-hekk imsejħa kapijiet reliġjużi u pagani ta’ dak iż-żmien! Kemm gideb qalgħu kontra tiegħek! Kemm qerq! Tir wieħed biss kellhom, ix-xewqa li jikkundannawk għall-mewt kiefra kif fil-fatt ġara! Ħarġuk barra quddiem il-poplu li nġabar, mimli ġrieħi u dlonk bdew jgħajjtu li jridu jeħilsu lil Barabba (kriminal) u lilek isallbuk! Min jaf x’ħassejt Int u tisma’ l-kliem: “Sallbu! Sallbu!” Kliem li ħareġ minn fomm poplu li madwaru għaddejt tfejjaq u tgħallem. Minkejja li Pilatu ma sabekx ħati, hu farfar mir-responsabbilta’ u ħasel idejh! Missierna, Sliema u Glorja. Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina. It-Tieni Stazzjon: Meta Sidna Ġesù ppreżentawlu s-salib u aċċettah Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna. Aċċettajt li b’imħabba ġġor salib li mhux tiegħek! Jiena bilkemm naċċetta li nġġorr is-slaleb tiegħi, aħseb u ara ta’ ħaddieħor! B’ġismek diġa’ miġruħ b’feriti miftuħa jnixxu d-dmija, Int ilqajt is-salib fuq spallejk! Folol ta’ nies rassewk u bħal donnu kulħadd ried jgħidlek tiegħu! U biex tgħid, ftit jiem biss qabel, stqarrew li Int Sultan u firxulek il-palm fil-qima tagħhom! Filli jfittxuk bil-gzuz biex tfejqilhom il-morda u filli għaddej fit-triq umiljat bil-għuda li kienet tfisser li kien ħaqqek mewt ta’ kriminali! U int sofrejt kollox għalija! Ridt teħlisni mill-kundanna li jġib fuqi d-dnub! Ridt teħlisni mill-Qarrieq li jridni nispiċċa l-infern bħalu u ddaħħalni fis-Saltna tiegħek bħala iben/bint il-Missier u werriet/a flimkien miegħek. Kien għalhekk li ġarrejt dan is-salib biex jien, li jien midneb/midinba nibqa’ nġorr is-slaleb tiegħi b’imħabba għalik bla ma naqta’ qalbi, għax naf li l-fidwa diġa’ seħħet bik. Missierna, Sliema u Glorja. Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina. It-Tielet Stazzjon: Meta Sidna Ġesù waqa’ għall-ewwel darba Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna. Min mar jiġri jilqgħek u jgħinnek tqum? Min impurtah mill-ġrieħi miftuħa li komplew idemmaw mat-tisbita li ħadt? Minn tħassrek waqt li qed jara s-salib jagħfas bil-piż tiegħu fuqek waqt li spiċċajt wiċċek fl-art tmiss mal-ġebel u t-trab? Minflok m’urewk ħniena, aktar qabdu fik u bis-swat riedu jfittxu jarawk tqum u tissokta fit-triq li minnha rieduk tgħaddi! Iva, il-bniedem li Alla mhux fiċ-ċentru tal-ħajja tiegħu jasal iwettaq atti ta’ vjolenza u jikkawża tbatijiet kbar fuq ħaddieħor kif turina l-Istorja. Imma kien propju għalhekk li int dħalt fl-Istorja tagħna l-bnedmin biex tkun tista’ taħfer il-waqgħat tagħna meta aħna nindmu u nirċievu s-Sagrament tal-Qrar. Kien għalhekk li batejt tant moħqrija biex tagħti valur lit-tbatija tagħna b’mod speċjali ikkawżata minn ħutna l-bnedmin. Missierna, Sliema u Glorja. Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina. Ir-Raba’ Stazzjon: Meta Sidna Ġesù ltaqa’ ma’ ommu Marija Santissma Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna. Ommok! Dik li ma marritx tistaħba bil-biża’ li jaqbdu lilha wkoll u jagħtuha l-istess trattament. Dik li l-iva tagħha għar-rieda t’Alla kienet sal-aħħar. Hemm hi, tiġri lejk biex turik li m’Intix waħdek f’din il-mixja doloruża. Min jaf kemm xtaqet li tbati minn flokok! Imma l-faraġ ma damx wisq għax żgur li ma ħallewhiex tkellmek fit-tul. Povra qlub ta’ Ġesu’ u Marija, mil-liema martirju kellkom tgħaddu imma fi ħsibijietkom ma nibtet l-ebda forma ta’ kundanna lejna l-midinbin. Anzi, minflok Intom offrejtu l-uġigħ tagħhom għall-istess għan – is-salvazzjoni tal-erwieħ. Għalhekk tassew hua xieraq li lil Marija nsejħulha l-Ko-redentriċi għax kienet hi li għarfet li Inti ridtha tgħaqqad it-tbatijiet tagħha ma’ tiegħek. Ma’ Marija, jien ukoll nixtieq nipparteċipa fil-ħidma tas-salvazzjoni tiegħi stess u ta’ ħuti l-bnedmin billi noffri talb u sagrifiċċji lill-Missier f’għaqda miegħek Ġesu’. Missierna, Sliema u Glorja. Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina. Il-Ħames Stazzjon: Meta Sidna Ġesu’ ġie mgħejjun minn Xmun iċ-Ċirinew Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna. Għażiż Ġesu’, mhux għax tħassruk jew iddeċidew li jħennu għalik, imma għax rieduk ħaj u f’sessiek ħalli tbati l-kruċifissjoni u tmut fuq is-salib! Kien għalhekk li qabdu liċ-Ċirinew biex jerfgħalek is-salib! X’intenzjoni krudili kienet din! Fl-istess ħin, bl-intenzjoni li nnaqqaslek it-tbatija, jien ukoll bħaċ-Ċirinew nixtieq inġorrlok...